Illum, il-ġenituri li kienu jagħmlu użu mis-servizzi taċ-Childcare Centre fl-Isptar Mater Dei, qed jiġu infurmati li għada se jerġa’ jinfetaħ dan iċ-ċentru u jistgħu jieħdu lil uliedhom.
Aktar kmieni dan ix-xahar, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne kien ħabbar fil-Parlament li ċ-Childcare Centre tal-Isptar Mater Dei li kien ingħalaq fuq deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-istess sptar, se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu.
Huwa kien qal li ma qabilx mad-direzzjoni tal-amministrazzjoni tal-isptar li dan iċ-ċentru jingħalaq u wara diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, intlaħaq qbil biex dan iċ-ċentru jerġa’ jinfetaħ wara li jsiru xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni.
Minkejja li minn madwar ħamest elef impjegat, huma biss madwar għoxrin li jagħmlu użu minn dan is-servizz, xorta huwa bżonnjuż għal ambjent tax-xogħol li jiffavorixxi lill-familja.