Tħabbret il-mewt tad-Deputat Nazzjonalista u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, fl-età ta’ 67 sena.
Robert Arrigo, li tilef il-battalja mal-marda tal-kanċer, ħalla jibku t-telfa tiegħu liż-żewġ uliedu u lil martu Marina.
Huwa beda l-karriera politika tiegħu lura fl-1994 meta kien elett bħala l-ewwel Sindku ta’ Tas-Sliema.
Hu kien ikkonfermat f’din il-kariga fl-elezzjonijiet tal-1997, 2000 u 2003.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2003, Arrigo kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti. Huwa baqa’ jiġi elett f’kull elezzjoni sa dik ta’ Marzu li għadda.
Fil-Kamra tar-Rappreżentanti, Robert Arrigo kellu bosta karigi.
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Robert Arrigo kien elett bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, fejn baqa’ jservi sat-tmiem tat-terminu aktar kmieni din is-sena.
Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, huwa kien il-Kelliem għat-Turiżmu.
Minbarra fil-politika, hu ħadem ħafna fis-settur turistiku, kif ukoll kien għal xi snin il-President tas-Sliema Wanderers FC u l-Viċi President tan-Neptunes WPC, fost oħrajn.
Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Robert Arrigo kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela.
Fuq Facebook huwa qal li Arrigo kien ġentlom u f’ħajtu ta kontribut kbir lis-soċjetà f’diversi oqsma.
Dr Abela qal li m’hemmx dubju li fil-Parlament se tinħass it-telfa tiegħu.
Il-Prim Ministru ta l-kondoljanzi tiegħu lil familja Arrigo.
Il-President ta’ Malta George Vella qal li jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Robert Arrigo u wassal il-kondoljanzi u l-faraġ lill-qraba.
Fi stqarrija l-Partit Laburista wassal il-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-qraba tad-Deputat u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Robert Arrigo u rringrazzjah għas-sagrifiċċji u l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.
L-eks Kap u Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ukoll sellem lill-Arrigo permezz ta’ kitba fuq Facebook.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista Nazzjonalista ta ħarsa lejn ħidmet Arrigo tul is-snin kemm fil-Partit Nazzjonalista kif ukoll fil-qasam turistiku.
ONE News jixtieq iwassal il-kondoljanzi lill-familja kollha.