Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, ħabbar li minn mindu, fl-1 ta’ Jannar tal-2020, daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kirjiet residenzjali privati ta’ wara l-1995, ġew irreġistrati 86,350 kuntratt residenzjali privat.
Il-liġi kienet saret sabiex tindirizza l-anomaliji fis-suq tal-kera, filwaqt li tipproteġi kemm lis-sid kif ukoll l-inkwilin.
Minn dawn is-86,350 kuntratt, 10,510 kellhom terminu ta’ 6 xhur, 37,713 kellhom terminu ta’ sena, u 38,127 kellhom terminu ta’ aktar minn sena.
Il-Ministru Galdes osserva li l-kuntratti qed isiru għal żmien itwal filwaqt li qal li qed jingħataw bosta inċentivi biex jassiguraw aktar stabbiltà. Huwa żied jgħid li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru aktar miżuri b’rabta mas-suq tal-kirjiet residenzjali sabiex ikomplu jgħinu lill-familji.