Fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg attenda għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fejn ġew diskussi l-iżviluppi riċenti dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina.
Saru wkoll diskussjonijiet dwar diversi kwistjonijiet ta’ ġrajjiet kurrenti, inklużi l-avvenimenti riċenti fl-Iran, l-eskalazzjoni tal-vjolenza fl-Etjopja kif ukoll tħejjijiet għall-COP 27 li se ssir fl-Eġittu x-xahar id-dieħel.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Kuleba ngħaqad mal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin b’mod remot permezz ta’ video-link minn Kiev.
Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, Dr Borg fakkar fl-importanza tal-għaqda tal-Unjoni Ewropea. Huwa tenna l-vuċi ta’ Malta dwar kif l-attakki fuq nies pajżana u fuq l-infrastruttura ċivili trid tieqaf u li l-liġi internazzjonali umanitarja trid tiġi mħarsa. Il-ministri saħqu dwar l-importanza tar-responsabbiltà u li r-reati għandhom jiġu investigati.
Il-Ministru Borg indirizza l-kwistjoni ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni f’pajjiżi terzi, u saħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-kampanji jiġu mitigati. Żied jgħid li l-isfidi fir-reġjun tal-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq kif ukoll fin-Nofsinhar Globali b’mod ġenerali, m’għandhomx jiġu injorati peress li vojt bħal dan jista’ jwassal għal instabbiltà fil-Mediterran.