Il-Ministru għall-Finanzi Brittaniku Jeremy Hunt neħħa kważi t-tnaqqis fit-taxxa kollu li l-Prim Ministru tal-Ingilterra Liz Truss ħabbret fil-mini-budget tliet ġimgħat ilu.
Ir-rata bażika tat-taxxa fuq id-dħul se tibqa’ 20p b’mod indefinit – minflok titnaqqas għal 19p.
Il-capping fuq il-prezzijiet tal-enerġija għad-djar issa huwa garantit biss sa April tas-sena d-dieħla, iżda mbagħad se jiġi rivedut. Preċedentement kien imħabbar li dan il-capping kien se jdum għal sentejn, u jżomm kont domestiku tipiku tal-enerġija jiswa madwar £2,500 sal-2024. Dan kellu jkopri kemm ix-xitwa tal-2022 kif ukoll tal-2023. Minflok, se ssir reviżjoni tas-sitwazzjoni wara r-rebbiegħa, bil-futur tal-prezzijiet inċert għar-residenti tar-Renju Unit.
It-tnaqqis fit-taxxa tal-boll u l-Assigurazzjoni Nazzjonali se jibqgħu fis-seħħ.
Il-PM Liz Truss kitbet li dan se jwitti triq ġdida għat-tkabbir ekonomiku. Hija mistennija tindirizza Membri Parlamentari wara nofsinhar.