Il-Pulizija ta’ Malta ippublikat silta minn konverżazzjoni li fiha persuna spiċċat vittma ta’ dak li jissejjaħ sextortion.
Sextortion huwa forma ta’ rikatt li jinvolvi t-theddida li xi ħadd se jippubblika informazzjoni sesswali, ritratti jew filmati dwar xi ħadd. Ħafna drabi, il-vittma tintalab aktar materjal sesswali jew personali, jew inkella xi forma ta’ ħlas.
Din hija silta li l-Pulizija qed tuża bħala eżempju reali, fejn xi ħadd jhedded lill-vittma li jekk ma tweġibx għall-messaġġi, ixerred filmat illeċtu tagħha.
Fil-messaġġ tagħha fuq il-mezzi soċjali, il-Pulizija tavża biex jekk dak li jkun ħallas xi ħaġa għax kien rikattat, għandu jieħu nota ta’ minn fejn inġabru l-flus. Jekk il-flus ikunu għadhom ma inġabrux, wieħed għandu jħassar it-tranżazzjoni mill-ewwel.
Il-Pulizija qalet li l-biċċa l-kbira tal-vittmi li ħallsu biex mingħalihom jeħilsu mill-problema, spiċċaw vittmi ta’ aktar talbiet għall-flus.
Permezz tal-messaġġ ‘don’t share more, don’t pay anything’ – il-Pulizija Maltija avżat biex bniedem li jispiċċa f’din is-sitwazzjoni la jibgħat aktar ritratti u materjal, lanqas jekk ikun rikattat, u lanqas jibgħat aktar flus.
Il-Pulizija żiedet tgħid li wieħed għandu jirrikorri għall-għajnuna tal-Pulizija mill-ewwel u żgurat li dawn mhux se jiġġudikaw, iżda se jkunu lesti biex joffru kull għajnuna.