F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (l-MUMN) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-messaġġ li s-settur tas-Saħħa mhux biss dejjem jeħtieġ sens ta’ tmexxija iżda wkoll riżorsa umana b’saħħitha u l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jsaħħaħ dan.
Mar-rappreżentanti tal-MUMN, il-Prim Ministru qal li jqis lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala s-sinsla tas-servizz li jrid jibqa’ jkun wieħed b’saħħtu, kif wera li hu fost l-aqwa fid-dinja, speċjalment waqt il-pandemija.
Dr Abela qal li, għaż-żmien li ġej, il-prijorità se tkun il-prevenzjoni tal-mard u l-użu tax-xjenza biex, bħala pajjiż, nevitaw kumplikazzjonijiet ta’ saħħa matul il-ħajja.
Il-Prim Ministru rrefera għall-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li fih pakkett ta’ proposti b’saħħithom għas-settur tas-saħħa u, fost dawn, semma l-aspett tas-saħħa mentali.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, fuq dan l-aspett, fl-aħħar snin bdew jittieħdu numru ta’ passi importanti iżda jeħtieġ aktar passi b’ħeffa biex nindirizzaw realtajiet li għandna fis-soċjetà.
Mal-MUMN, Dr Robert Abela rrefera għal ħafna xogħol li qed isir f’Monte Karmeli, fejn qed tingħata kura speċjalizzata b’numru iżgħar ta’ pazjenti, xi ħaġa li anke l-Awditur Ġenerali nnota b’mod pożittiv.
Il-Prim Ministru qal li rridu wkoll nagħtu spinta lill-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta li se jiġi ffinanzjat minn fondi li Malta kisbet mill-Pjan ta’ Rkupru.
Waqt li sema’ l-idea tal-MUMN, il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-ħaddiema qed jinżammu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern fosthom anke biex nilqgħu għall-impatti minn dak li għaddej fuq livell internazzjonali.
“Qed nagħtu għajnuniet biex inżommu stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-gass. Dawn huma deċiżjonijiet li jingħaqdu ma’ ħafna oħrajn li qed iżommu b’saħħitha l-qagħda tal-ekonomija u tal-ħaddiema ta’ pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela.
F’dan il-kuntest, il-President tal-MUMN Paul Pace tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-Saħħa u rrimarka li investiment fil-qasam tas-saħħa huwa investiment fin-nies.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, u d-Deputati tal-Gvern Malcolm Paul Agius Galea u Romilda Baldacchino Zarb.