Uħud fost l-aqwa chefs Maltin se jgħinu biex jiġu identifikati opportunitajiet ġodda favur il-valorizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u tas-sajd Maltin. Dan hekk kif ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni għal ħames snin bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Malta Chef Society.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-ftehim qed jistabbilixxi pjattaforma għal kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u se jgħin biex jiġu identifikati u sfruttati opportunitajiet fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd li jmorru lil hinn mill-prodott innifsu u li jistgħu jagħmlu dawn l-industriji aktar attraenti u finanzjarjament vijabbli.
Il-ftehim jaħseb għal riċerka konġunta dwar prodotti agrikoli u tas-sajd, b’enfasi fuq prodotti tajbin għall-ikel u l-użu ta’ prodotti lokali f’attivitajiet kulinari. Mira oħra hija l-identifikazzjoni ta’ modi u ta’ mezzi biex titjieb il-kwalità ta’ dawn il-prodotti bil-ħsieb li jintużaw aktar u aħjar fit-tisjir, u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda tas-suq għall-użu ta’ prodotti bħal dawn.
Iż-żewġ partijiet qablu wkoll li jorganizzaw attivitajiet flimkien bi prodotti agrikoli lokali bħala t-tema ewlenija, kif ukoll li jiffaċilitaw l-ipproċessar ta’ dawn il-prodotti agrikoli skont l-aħjar prattiċi u t-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti ġodda.
“Permezz ta’ dan il-ftehim qed nagħrfu r-rikkezza, it-tjubija u l-freskezza tal-prodott Malti u Għawdxi, u għalhekk il-potenzjal li għandu biex jiġi sfruttat aħjar,” sostna l-Ministru Refalo.