Waqt seduta speċjali fil-Parlament, fejn spikkat il-preżenza ta’ diversi tfal ckejnin u l-innoċenza tagħhom, sar il-ftuħ uffiċjali ta’ Wirja ta’ Tpinġijiet mit-Tfal bit-tema “Il-Familja f’għajnejn it-Tfal.”
Din kienet imtella’ bil-kollaborazzjoni mal-Kumitat Positive Parenting u t-Tisħiħ tal-familja,fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Fil-kompetizzjoni tat-tpinġija b’kollox ħadu sehem 64 parteċipant, li kienu kollha tfal b’etajiet li jvarjaw minn sentejn sa 15-il-sena. L-imħabba lejn il-familja kien l-iktar punt viżibli fost dak li pinġew it-tfal.
Tkellimna mas-Sinjura Ruth Sciberras, Chairperson tal-kumitat, Positive Parenting u t-tisħiħ tal-familja u tlabniha tgħidilna xi spikka l-aktar fit-tpinġijiet tat-tfal.
Hija qalet, “L-iktar li pinġew it-tfal ovvjament il-ħin mal-familja u dak kien messaġġ li aħna rridu nwasslu il-ħin li wieħed iqatta’ mat-tfal u huwa l-iktar prezzjuż u l-iktar li jgħożżu t-tfal. It-tfal pinġew tpinġijiet bħal meta jmorru l-baħar mal-familja, xi mixja, anki jagħmlu l-affarijiet flimkien, quddiem it-televixin per eżempju jew isajru. Dak kien l-aktar messaġġ li spikka.”
Staqsejna lil Kaden Fenech, li rrappreżenta lit-tfal li ħadu sehem fil-Wirja ta’ Tpinġijiet, kif iħossu wara li kklassifika fl-ewwel post fil-kategorija tal-addoloxenti.
Huwa qal, “Inħossni sodisfatt ħafna u li wassalt il-messaġġ kif għandha tkun familja illum il-gurnata.”
Kaden Fenech spjegalna wkoll il-ħsieb wara t-tpinġija rebbieħa fil-Kategorija Adoloxxenti.
Spjega, “Għalija tfisser li għalkemm aħna tfal, kulħadd għandu familja differenti u din l-għajn tan-nofs tirrappreżenta lili, x’nara jien mill-lenti tiegħi, xi tfisser il-kelma familja. Fil-fatt, dawn iż-żewġ stampi jfissru ġenituri tal-istess sess, u ma tagħmilx differenza xi tkun, jekk hux raġel jew mara.”
F’din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li t-tfal mhux kollha l-istess u li huwa importanti li t-tfal kollha jkollhom l-opportunità li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Qal li huwa d-dover ta’ kulħadd, li dan jintlaħaq u hawn kellu messaġġ dirett għat-tfal innifishom, fejn saħaq magħhom dwar l-importanza tat-tagħlim u li dak li jitgħallmu ma joħodulhom ħadd.
Waqt li kien qed jindirizza lis-sedja li kienet iddominata mit-tfal, l-ispeaker Anġlu Farrugia saħaq fuq l-importanza li s-soċjetà u l-familja Maltija jibqgħu msejsa fuq prinċipji u valuri għonja u umani.
Huwa qal fost oħrajn, li kull investiment li jsir f’pajjiżna, fl-għodod għat-tisħiħ tal-familja, hu investiment uman jiġifieri, fin-nies, il-ġenituri u l-ulied tul il-ħajja.