L-aħbar li l-aħwa George u Alfred Degiorgio ġew ikkundannati 40 sena ħabs, wara li fil-bidu tal-ġuri fil-Qorti ammettew l-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’Ottubru ta’ ħames snin ilu, ġiet irrappurtata b’mod promimenti fil-midja internazzjonali.
Fost oħrajn, is-sit awtorevoli Politico rrapporta kif l-aħwa Degiorgio f’mossa drammatika biddlu sottomissjoni tagħhom. Dan wara li l-Ġimgħa l-ewwel ċaħdu l-akkużi fil-konfront tagħhom u aktar tard matul il-ġurnata wieġbu ħajta għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Politico jsemmi wkoll ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan il-każ, li tabilħaqq qed issir ġustizzja kemm mal-familja ta’ Caruana Galizia u ma’ Malta.
Is-sit internazzjonali Euronews, bħas-sit awtorevoli Politico, semma wkoll ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif fuq Twitter qal li dan kien pass importanti lejn il-ġustizzja lejn il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Issemma wkoll li b’rabta ma’ dan il-qtil issa hemm tliet persuni li ħadu l-ħaqq dwar dan il-każ, waqt li tlieta oħra qed jistennew li jgħaddu ġuri.
Il-Euronews irrapporta wkoll li l-Prim Ministru qal li jibqa’ kommess li ssir ġustizzja lejn il-familja u lejn Malta.
Is-sit internazzjonali Al Jazeera rrapporta wkoll dwar dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, li semma li dan huwa pass ’il quddiem f’dan il-każ li jirrappreżenta kapitlu iswed fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan is-sit semma wkoll li dwar dan il-każ, Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs, fi Frar tas-sena l-oħra.
Is-sit internazzjonali Reuters rrapporta li kif b’kollox erba’ persuni issa ammettew l-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Irrapporta wkoll bl-iżvolta li seħħet fl-ewwel jum ta’ dan il-ġuri, is-sit internazzjonali BBC, fejn qal li l-aħwa George u Alfred Degiorgio ammettew l-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia, ftit tas-sigħat wara li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-BBC irrapporta wkoll li s-sena l-oħra żewġt irġiel oħra ġew mixlija li fornew il-bomba, waqt li Vince Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija wara li ammetta bl-involviment tiegħu f’dan il-qtil.
Is-sit tal-aħbarijiet Brittaniku jsemmi wkoll li n-negozjant Yorgen Fenech jinsab akkużat li ordna li jsir dan il-qtil f’Ottubru ta’ ħames snin ilu.
Il-BBC innota wkoll li dan l-iżvilupp ġie milqugħ mill-Prim Ministru Robert Abela.