Anzjana ta’ 72 sena min-Naxxar mietet wara li ntlaqtet minn mutur f’Birkirkara.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq il-Wied.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel investigazzjonijiet l-anzjana ntlaqtet minn mutur misjuq minn żagħżugħ ta’ 22 sena li jgħix il-Mosta.
Iż-żagħżugħ waqa’ minn fuq il-mutur, b’dan il-mutur tkaxkar u kellu impatt ma’ karozza, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 44 sena mix-Xewkija.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-anzjana l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji. Hija mietet aktar tard fl-isptar.
Is-sewwieqa tal-vettura u tal-mutur ma weġġgħux.
Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.