Il-Prim Ministru, Robert Abela, saħaq li n-negozji jibqgħu parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku tal-pajjiż.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ investiment li jlaħħaq it-€8 miljun mill-kumpanija Pet Nutrition f’San Ġwann, huwa sostna li l-istrateġija tal-Gvern tikkonsisti f’appoġġ għan-negozji sabiex dawn jibqgħu joħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-ġid, u joffru karrieri aħjar għall-ħaddiema tagħhom. Dan, imbagħad, jissarrfu fi kwalità tal-ħajja aħjar u jiġi assigurat futur sostenibbli.
Il-Prim Ministru qal li, fi żmien ta’ pandemija, il-Gvern ta s-serħan il-moħħ lin-negozji u lin-nies, anki fi żmien meta kien ġie mbassar li se jintilfu ħamsin elf impjieg. Fakkar li ngħataw €1.6 biljun f’għajnuniet lill-poplu u lin-negozji.
Dr Abela għamel referenza għall-kriżi globali tal-enerġija u tal-ikel li qed taffaċċja d-dinja bħalissa u spjega kif, b’differenza, din id-darba l-għajnuna ġiet diretta lejn is-settur tal-enerġija biex il-prezzijiet għall-konsumaturi jibqgħu stabbli u ma jogħlewx.
Huwa afferma mill-ġdid li din l-għajnuna ngħatat biex jiġu protetti n-negozji, li jaffaċċjaw diversi sfidi fosthom minħabba li Malta u Għawdex huma gżejjer u minħabba n-nuqqas ta’ biżżejjed riżorsi umani.
Il-Prim Ministru rrimarka li l-gvern Malti kien l-uniku gvern Ewropew li ta din l-għajnuna biex in-negozji ma jiħdux daqqa ’l isfel.
Dr Abela faħħar l-impenn tal-kumpanija Pet Nutrition, li timmanifattura u tbigħ l-ikel tal-annimali domestiċi, u li investiet fil-fabbrika tagħha bl-għan li tibqa’ tespandi l-operat tagħha biex il-produzzjoni tissaħħaħ u ssir aktar effiċjenti u sostenibbli. Huwa qal li dan il-proġett jirrappreżenta l-viżjoni ta’ dan il-Gvern.
Il-Prim Ministru sostna li Malta u Għawdex għandhom jaslu għan-newtralità klimatika u li l-iżvilupp ekonomiku u l-miri ambjentali m’għandhomx itellqu kontra xulxin.
Id-Direttur tal-kupanija Pet Nutrition, Matthew Wismayer, tkellem dwar kif, mill-bidu sal-aħħar, il-prodott tagħhom qed jiġi manifatturat f’pajjiżna, u għaldaqstant huwa Malti mill-bidu sal-aħħar.
Is-Sir Wismayer spjega li l-kumpanija identifikat l-opportunitajiet kbar li kapaċi toffri Malta u qal ukoll li żmien il-pandemija ma xekkilx ir-ritmu tal-progress tal-kumpanija.
Huwa stqarr li dan il-prodott Malti maħluq mill-kumpanija qiegħed jasal f’sebgħin pajjiż ieħor f’kontinenti differenti u saħansitra fi gżejjer żgħar oħra bħal dawk fil-Karibew. Hu sostna li l-pjan huwa li l-kumpanija tkompli tespandi fi swieq ġodda fosthom fl-Amerka ta’ Fuq u t’Isfel.
Is-Sur Wismayer qal li l-ambjent dejjem kien fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ din il-kumpanija u, fil-fatt, il-kumpanija tagħmel użu minn materjal riċiklabbli biex jiġi ppakkjat il-prodott tagħha. Barra minn dan, ġew installati madwar elf pannella fotovoltajka li fis-sena mistennija jiġġeneraw sitt mija u ħamsin elf unit ta’ enerġija.