Għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol volontarju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jitolbu sabiex l-istabbilità li hemm f’din il-faċilità tibqa’ għaddejja għax fl-aħħar xhur u ġimgħat sar ħafna ġid u dan ma jistax jintilef.
Dan intqal fi stqarrijiet separati li ħarġu l-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl u l-Fondazzjoni RISe.
Il-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl qalet li temmen li l-proċess rijabilitattiv qawwi li għaddej fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ma jistax jitħalla għal żmien mingħajr tmexxija, speċjalment fi żmien delikat meta qed ikomplu jsiru għadd ta’ riformi.
Il-Fondazzjoni saħqet għall-istabilità li, qalet, hija kruċjali biex jiġu megħjunin il-priġunieri ħalli jirriformaw ruħhom.
Min-naħa tagħha, il-Fondazzjoni RISe talbet għall-kawtela biex il-kunċett riabilitattiv tal-priġunieri ma jitlifx it-triq pożittiva li ħad tul dawn l-aħħar snin.
Hija qalet li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi kompliet twessa’ s-servizzi, fosthom dak tal-assistenza meta persuna tispiċċa sentenza ta’ priġunerija.
Qalet ukoll li bħalissa qed isiru wkoll numru ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati sabiex jinfetħu aktar djar fil-komunità mibnija fuq il-linji gwida tal-ġustizzja riparatorja.
Iż-żewġ ondazzjonijiet qalu li huma t-tnejn huma parteċipi f’dawn il-bidliet, li jkomplu jtejjbu s-servizzi korrettivi.