Fl-Ingilterra mara li naqset milli tindirizza infestazzjoni tal-ġrieden fid-dar tagħha minħabba t-twemmin etiku tagħha ġiet immultata mill-Qorti.
Margaret Manzoni ta’ 73 sena minn St Osyth f’Essex qieset lill-ġrieden bħala l-annimali domestiċi u sostniet li ma kinux se jmorru għand il-ġirien għax kienet iżżommhom kuntenti.
F’seduta fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Colchester dan ix-xahar, Manzoni kellha taċċetta li filwaqt li wieħed għandu jirrispetta t-twemmin tagħha li ebda annimali ma għandhom jirċievu moħqrija, hija wettqet reat meta naqset milli tħares id-dar tagħha u l-madwar minn infestazzjoni kbira.
Il-Qorti semgħet li l-Awtoritajiet tas-Saħħa Ambjentali kienu msejjħa minn ġirien li ntlew bil-ġrieden, tant li kkawżawlhom ħsarat fil-proprjetà.
L-istaff tal-Kunsill għamel diversi żjarat u offra l-għajnuna, qabel ma ħareġ avviż li permezz tiegħu ordna lil Manzoni biex ma tibqax titma’ annimali bħal għasafar li jersqu lejn id-dar tagħha u biex teħles mill-ġrieden kollha li kienet qed trabbi.
Filwaqt li l-Kunsill ipprova joffri l-għajnuna, il-ġrieden komplew isibu l-ikel u l-kenn. Ir-riħa li rriżultat saħansittra wasslet biex il-ġirien kellhom jevakwaw djarhom.
B’konsegwenza, ġiet immultata £1,500, jiġifieri €1,733.