F’Singapor, raġel li kien jippubblika ritratti espliċiti tiegħu fuq il-pjattaforma diġitali OnlyFans irċieva kundanna ħabs u multa. Il-Qorti immultat liż-żagħżugħ Titus Low madwar €3,085 talli espona lilu nnifsu fuq is-sit. Huwa kien ikkundannat ukoll tliet ġimgħat ħabs talli aċċessa l-kont tiegħu bi ksur ta’ ordni tal-pulizija.
Il-każ qanqal allarm dwar l-implikazzjonijiet kriminali għall-imħuħ wara OnlyFans fin-nazzjon konservattiv. Dan għaliex f’Singapor, huwa illegali li tittrasmetti materjali oxxen b’mezzi elettroniċi, jew li tieħu sehem fi jew tirċievi profitti minn negozju fejn tali materjali jiġi trażmess.
Dan il-każ ħoloq preċedent u utenti oħra se jkollhom jikkonsidraw l-istess riskju meta jużaw OnlyFans f’Singapor.
Low kien arrestat f’Diċembru 2021 wara li mara sabet wieħed mill-filmati espliċiti tiegħu fuq il-mobile tan-neputija tagħha, li kellha 12-il sena. Il-mara ressqet ilment lill-pulizija.
Il-mudell ta’ 22 sena ingħaqad mal-pjattaforma ftit xhur biss qabel, f’April tal-2021, u malajr sar wieħed mill-akbar stilel lokali.
Wara li sar l-ilment, l-uffiċjali kkonfiskaw l-apparat elettroniku tiegħu u bidlulu d-dettalji tal-profil OnlyFans tiegħu. Iżda Low reġa’ kiseb aċċess għal dan il-profil tiegħu u kompla jtella’ kontenut – mhux talli hekk, talli waqqaf ukoll it-tieni profil.