Waqt is-summit tal-MED5 f’Ċipru, il-Ministru għall-Intern Malti, Byron Camilleri, saħaq fuq il-bżonn ta’ azzjoni immedjata dwar l-immigrazzjoni irregolari, li permezz tagħha jiġu miġġielda t-traffikar tal-bnedmin u dan iwassal biex inqas nies jipperikolaw jew jitilfu ħajjithom fuq il-baħar.
Il-Ministru Camilleri sostna li hemm soluzzjonijiet u dawn iridu jiġu mfassla u implimentati flimkien ma’ pajjiżi terzi.
F’din il-laqgħa f’Ċipru kien hemm preżenti l-ministri responsabbli mill-intern u l-immigrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja, u Spanja.
Id-diskussjonijiet waqt din il-laqgħa ffukaw fuq il-progress tan-negozjati tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-Unjoni Ewropea u anki s-sitwazzjoni tal-fruntiera esterna.
Il-ministri rringrazzjaw lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati membri li qed jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li ġie maqbul fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern f’Ġunju li għadda.
Huma saħqu li, minkejja l-appoġġ ta’ numru ta’ Stati membri, l-impenn li ntwera s’issa għadu ma jirriflettix in-numru ta’ wasliet irregolari fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Camilleri rrefera għall-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terżi fuq il-prevenzjoni tal-wasliet, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u r-ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni.
Il-Ministru Camilleri qal li jekk pajjiż waħdu jista’ jagħmel daqstant differenza, kemm aktar nistgħu nibdlu s-sitwazzjoni b’aktar rieda u riżorsi mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa, il-ministri ta’ Malta, Ċipru, il-Greċja, u Spanja ffirmaw dikjarazzjoni konġunta b’antiċipazzjoni għal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Intern li se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej.
Ritratt: MSF/Hannah Wallace Bowman