Mill-ewwel ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet sal-5 ta’ Ottubru li għadda, il-Gvern ta’ aktar minn €805,500 f’sussidju fuq il-kera f’residenzi privati mikrija qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 li huma milquta minn żieda fil-kera stipulata minn sentenza tal-Qorti.
Fil-fatt, l-Awtorità tad-djar għandha 370 applikazzjoni, 343 minnhom, jiġifieri 93% tal-applikazzjonijiet diġà ġew ipproċessati filwaqt li bħalissa hemm 27 applikazzjoni fi stat inizjali jew pendenti minħabba xi dokumenti nieqsa li ma ġewx sottomessi mal-applikazzjoni. 29 oħra nstabu li huma invalidi.
Din l-informazzjoni taha l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes waqt li kien qed jirrispondi għall-mistoqsijiet parlamentari.
Il-maġġoranza ta’ dawk li bbenefikaw minn dan is-sussidju kienu anzjani ta’ ’l fuq minn 65; dawn ammontaw għal 286, filwaqt li 84 persuna kellhom inqas minn 65 sena.