il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, fil-Parlament iddeskriva l-allegat gġir ta’ tliet membri tal-korp tal-Pulizija li tressqu l-Qorti fil-jiem li għaddew bħala diżgustanti u inaċċettabbli.
It-tliet kuntistabbli tressqu l-Qorti u ġew mixlija li sawtu numru ta’ persuni barranin f’Ħal Qormi. Huma nżammew taħt arrest wara rapport intern li sar fil-Korp tal-Pulizija u li wassal għall-bidu ta’ investigazzjonijiet dwar il-każ.
Il-Ministru Camilleri sostna li dan l-allegat aġir m’huwa aċċettabbli minn ħadd, aktar u aktar minn membri ta’ korpi ddixxipplinati. Huwa qal li jinsab ċert li dawn l-allegazzjonijiet ma jirriflettux il-mod kif jaħdmu l-5,000 ħaddiem fil-korpi ddixxipplinati ta’ pajjiżna.
Il-Ministru qal li mġiba bħal din iġġib il-kundanna tiegħu u ta’ kull min jaħdem fil-korpi ddixxipplinati.
“L-ebda forma ta’ allegat aġir simili m’hu se jsib la l-kenn tiegħi u lanqas il-kenn ta’ sħabi u l-kollegi tiegħi, u mhux se nħallu l-minoranza, il-ftit, itappnu x-xogħol tajjeb ħafna li jagħmlu ħaddiema oħrajn bħalhom ta’ kuljum.”
Il-Ministru żied jgħid li, minkejja d-dell ikrah li tefgħu dawn l-allegazzjonijiet, ir-riformi li saru fl-aħħar snin kienu utli sabiex min jabbuża mill-fiduċja li ġġib magħha l-uniformi tal-Pulizija, jaffaċċja l-ġustizzja.
“Fost l-oħrajn ressaqna liġijiet li bihom saħħaħna l-irwol tal-whistleblower fil-Pulizija, daħħalna miżuri oħrajn bħall-bodycams u GPS, u llum, aktar minn qatt qabel, konvint kemm kienu deċiżjonijiet tajbin, għaliex servew sabiex nibdew naraw bidla fil-mentalità.”