F’laqgħa oħra ta’ qabel il-Baġit fil-Berġa ta’ Kastilja, din id-darba mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jibqa’ jiġi ffaċilitat in-negozju.
Dr Abela kien qed jitkellem fil-kuntest tal-fatt li pajjiżna għadda mill-proċess tal-MoneyVal u tal-FATF b’suċċess frott ħidma kollettiva. Huwa saħaq li pajjiżna llum għandu ċertifikati bħala ġuriżdizzjoni serja u b’saħħitha u huwa importanti li nisfruttaw dawn il-fatti. Dawn il-kisbiet iridu jkunu l-bażi biex inkomplu noħolqu ambjent fejn wieħed jista’ jinvesti u jkabbar in-negozju tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-aspett tal-governanza li ħloqna jrid iservi biex ma nibżgħux nieħdu d-deċiżjonijiet biex pajjiżna jkompli jikber u jesperjenza tkabbir ekonomiku bi prijoritajiet ġodda, fosthom il-qalba diġitali u l-ambjent.
Dr Abela għamel referenza għal miżura mill-manifest elettorali li l-poplu ta mandat ċar fuqu, dik tad-dritt għal kont tal-bank bażiku, li jrid jiġi estiż anki għal dawk li jaħdmu għal rashom u għan-negozji.
Fil-laqgħa l-Prim Ministru Robert Abela bagħat messaġġ ċar fuq sistema ċentralizzata tad-diliġenza dovuta li ma tibgħatx lin-negozju minn post għall-ieħor iżda li tkun sistema retta u li taqta’ l-burokrazija.
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ, permezz tal-President Marisa Xuereb, tat preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Baġit għall-2023. Hija spjegat li d-dokument li qed tippreżenta l-Kamra tal-Kummerċ iħares fit-tul u sar wara konsultazzjoni wiesgħa fi gruppi ekonomiċi fi ħdan l-istess Kamra.
Hija qalet li laqgħat bħal dawn jipprovdu opportunità biex niddiskutu l-isfidi li qed naffaċċjaw u kif nistgħu nimmitigawhom permezz ta’ politika li tippromwovi l-investiment fl-infrastruttura, fl-innovazzjoni, u fl-effiċjenza fl-operat, ir-responsabbiltà fil-konsum tal-energija, u s-sostenibbiltà ambjentali u l-governanza tajba.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Ian Borg, Silvio Schembri u Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Omar Farrugia, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.