Kompliet tinstema’ l-kawża ta’ libell li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kontra l-Avukat Christian Grima, wara li dan iddikjara fuq il-Facebook li kien Muscat li għamel il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, Joseph Muscat xehed li l-allegazzjoni ta’ Grima hija malafamanti għax tindika li hu kien dak li qatilha jew inkella li kien involut. Qal ukoll li kliem bħal dan għandu riperkussjonijiet fuq il-ħajja personali u anke professjonali tiegħu.
L-avukat ta’ Grima, Carl Grech, qal li meta kkummenta b’dak il-mod il-klijent tiegħu kien qed jirreferi għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-inkesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Madankollu, l-avukat tal-eks Prim Ministru Muscat, Pawlu Lia, osserva li r-rapport tal-inkjesta pubblika lanqas kien għadu ġie ppubblikat meta Christian Grima għamel dik l-akkuża.
Fil-bidu tas-seduta, il-partijiet infurmaw lill-Qorti, ippresjeduta mill-Maġistrat Victor George Axiaq, li għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li l-każ jiġi riżoly bejn il-partijiet.
Fid-dawl ta’ dan, filwaqt li sakemm dan ikun possibbli l-proċeduri jibqgħu għaddejjin, l-avukat ta’ Muscat qal li l-eks Prim Ministru jibqa’ miftuħ għal soluzzjoni amikevoli.