Il-kapitali Ukrena, Kjiv, spiċċat fil-mira t’attakki bil-missili għall-ewwel darba fl-aħħar xhur.
Ġew irrappurtati wkoll splużjonijiet fi bliet oħra madwar il-pajjiż, inkluż Lviv, Dnipro u Zaporizhzhia, f’dak li qed ikun meqjus bħala l-akbar u l-aktar attakk mifrux mir-Russja minn meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna.
L-Ukrajna qed tgħid li r-Russja sparat ħamsa u sebgħin missila f’diversi bliet Ukreni u l-attakk għadu għaddej. Il-Ministru tad-Difiża Ukren qal li l-attakki mir-Russja mhux se jiskoraġġixxu lill-Ukreni mill-ġlied. Dawn l-attakki qed iseħħu jumejn wara splużjoni li saret fuq l-uniku pont li jgħaqqad lir-Russja mal-Krimea.
Fl-aħħar sigħat, il-President Russu, Vladimir Putin, waħħal fl-Ukrajna għal dan l-attakk u ddeskrivieh bħala “att ta’ terroriżmu” mill-Ukreni, bil-ħsieb li jeqirdu parti importanti ħafna tal-infrastruttura ċivili tar-Russja.
Tliet persuni nqatlu meta seħħet l-isplużjoni fuq il-pont.
Il-President Russu mistenni jlaqqa’ lill-Kunsill tas-Sigurtà tiegħu aktar tard illum biex tkun diskussa l-isplużjoni fuq dan il-pont.