Żewġ ġurnalisti tal-aġenzija tal-aħbarijiet Amerikana CNN talbu skuża għall-mod li bih irapportaw l-attakk tal-ġimgħa li għaddiet f’child care centre fit-Tajlandja. Dan l-attakk ħalla 37 persuna mejta, inkluż 23 tifel u tifla.
Iż-żewġ ġurnalisti daħlu fil-bini fejn seħħ l-attakk u ffilmjaw fuq il-post. Huma ġew arrestati u akkużati li qabdu u ffilmjaw xena tad-delitt mingħajr permess. It-tnejn li huma nħelsu mill-arrest aktar tard, iżda ġew immultati talli ħadmu bħala ġurnalisti waqt li kienu fuq visas turistiċi.
Il-ġurnalisti – ir-reporter Anna Coren u l-cameraman Daniel Hodge – qablu li jitilqu mill-pajjiż. Skużaw ruħhom f’filmat li jidher li ġie ffilmjat ġewwa għassa tal-pulizija.
“Aġoloġija minn qalbi… speċjalment lill-familji tal-vittmi ta’ din it-traġedja – jiddispjaċina li kkawżajna aktar uġigħ u tbatija,” qalet Anna Coren, li flimkien ma’ Daniel Hodge ġiet mmultata 5,000 baht (Є137 euro).
“Aħna nafu li dan il-pajjiż għaddej minn żmien ikraħ u qatt ma ridna niġu hawn biex nikkawżaw aktar niket,” żiedet tgħid.