Il-Pulizija Ingliża qed tfittex b’urġenza lil raġel li tefa’ l-aċidu fuq il-preżentatriċi televiżiva Katie Piper.
Ir-raġel, Stefan Sylvestre, minn Shepherd’s Bush, fil-punent ta’ Londra, ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs fl-2009 talli wettaq l-attakk, u kellu jservi minimu ta’ sitt snin qabel ikun eliġibbli għall-parole.
Huwa nħeles bil-parole fl-2018 meta kellu 30 sena, u l-ħelsien tiegħu kien żmien li Piper iddeskrivietu bħala “verament diffiċli” għaliha. Issa huwa mfittex talli kiser il-kundizzjonijet tal-parole.
Katie Piper sofriet ġrieħi orribbli fl-attakk bl-aċidu li ħalliha b’marki permanenti. Hija baqgħet tissielet għal ħajjitha wara li l-ex għarus tagħha Daniel Lynch ftiehem ma’ Sylvestre biex jitfa’ l-likwidu korrużiv fuqha f’Marzu tal-2008.
Kelliema għas-Servizz tal-Probation qalet: “Qed naħdmu b’mod urġenti mal-pulizija biex il-ħati jerġa’ jinġieb il-ħabs fejn se jinżamm għal aktar żmien.”