Il-Gvern investa biljun u sitt mitt miljun ewro f’appoġġ finanzjarju dirett fl-aħħar sentejn u nofs biex iħares is-saħħa, l-impjiegi u l-finanzi tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Ċifri ppreżentati din il-ġimgħa fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, juru li l-ispiża tal-Gvern relatata direttament mal-miżuri fil-pandemija fissret aktar minn sitt mija u sittin miljun fl-elfejn u għoxrin, aktar minn seba’ mitt miljun is-sena l-oħra, u stima ta’ madwar tliet mitt miljun ewro oħra din is-sena.
Kif mistenni, il-Ministeru tas-Saħħa kien l-aktar wieħed li rċieva fondi ’l fuq mill-baġit normali tiegħu, b’mod partikolari minħabba x-xiri ta’ mediċini u apparat mediku ieħor.
Ingħatat ukoll għajnuna addizzjonali lill-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.
Meta l-Gvern beda jintroduċi l-pakketti finanzjarji biex jgħin lin-nies, il-Prim Ministru Robert Abela dejjem saħaq li l-Gvern ma kienx qed jaħseb biss għas-saħħa tal-poplu imma wkoll għall-ekonomija, għaliex tiggarantixxi l-għajxien tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Dan wassal għal pakketti finanzjarji b’saħħithom biex tkun mgħejjuna l-ekonomija nazzjonali u jiġu sostnuti l-impjiegi u n-negozji.
F’wage supplement biss, inħarġu tliet mija u tmenin miljun ewro fl-elfejn u għoxrin, aktar minn tliet mija u ħamsin miljun oħra s-sena li għaddiet, u stima ta’ mija u disa’ miljun ewro għal din is-sena.
Din l-għajnuna finanzjarja hija riflessa wkoll fil-baġit li qed ingawdu minnu din is-sena.
Minkejja d-diversi sfidi ekonomiċi, il-Gvern għażel li jkun ambizzjuż u minflok politika ta’ awsterità, laqa’ għall-isfida bl-akbar baġit ta’ għajnuna fiskali fl-istorja ta’ pajjiżna.