Is-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ disa’ mija u tmienja u tletin impjieg ġdid f’Għawdex għall-Għawdxin, fuq is-sena ta’ qabel.
Aktar minn ħames mija minnhom kienu fis-servizzi, filwaqt li kien hemm tliet mija u tnax fil-kostruzzjoni, u tnejn u sittin fl-industrija.
Il-maġġoranza tal-impjiegi ġodda, aktar minn seba’ mija, kienu fis-settur privat.
Bejn l-elfejn u tlettax u l-elfejn u wieħed u għoxrin, in-numru ta’ residenti Għawdxin f’impjieg żdied b’aktar minn sitt elef, li jfisser, li kull ġimgħa kien hemm medja ta’ ħmistax-il persuna iżjed li sabu xogħol.
Dan huwa aktar mid-doppju tal-impjiegi Għawdxin fl-aħħar leġiżlatura ta’ Gvern Nazzjonalista.
Din l-analiżi għamlitha l-gazzetta KullĦadd, li nnutat kif il-maġġoranza tal-impjiegi ġodda kienu f’postijiet tax-xogħol viċin id-dar tal-impjegati.
Fl-aħħar tmien snin, l-impjiegi f’Għawdex żdiedu b’aktar minn ħamest elef; medja ta’ tnax-il impjieg kull ġimgħa. B’differenza, fl-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista, kien hemm medja ta’ inqas minn żewġ impjiegi kull ġimgħa.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu minn erbgħa u ħamsin fil-mija fl-elfejn u għaxra, għal ħamsa u sittin fil-mija s-sena li għaddiet.
Imqabbel mal-elfejn u tlettax, l-impjiegi full-time mal-privat f’Għawdex żdiedu bi kważi disgħin fil-mija.