Fit-tnax ta’ Novembru li ġej, fl-Isptar Mater Dei, se ssir konferenza dwar il-kura paljattiva tat-tfal f’Malta, bit-tema “kutra ta’ kura żejda lit-tfal”.
Din hija l-ewwel darba li se ssir konferenza nazzjonali dwar is-suġġett, u l-istedina hija miftuħa partikolarment għal kull min jaħdem ma’ dawn it-tfal jew il-qraba tagħhom.
Il-pedjatra li tispeċjalizza fil-kura paljattiva, Hermione Andrejevic, spjegat ma’ ONE News li l-kura tingħata minn tim sħiħ ta’ professjonisti li jnaqqsu s-sofferenza tat-tfal li għandhom ħajja qasira.
Dawn mhumiex biss tfal bil-marda tal-kanċer, imma jinkludu wkoll ċkejknin b’mard serju f’qalbhom u kundizzjonijiet newroloġiċi.
Ma’ ONE News, tkellmet dwar l-irwol ta’ kull min jaħdem fil-qasam tal-kura paljattiva, fosthom tobba, infermiera, psikologi u ħaddiema soċjali.
Qalet, “Intaffu s-sintomi tal-uġigħ, tal-ansjetà, tal-għejja, tar-remettar, plus li nieħdu ħsieb problemi psikoloġiċi, spiritwali, soċjali u ħafna problemi oħrajn li jgħaddu minnhom dawn il-familji.”
Wara l-professjoni ta’ pedjatra, hemm umana, li tbati mat-tfal meta jaslu fit-tmiem tal-kapitlu qasir ta’ ħajjithom.
Qalet, “L-iżjed ħaġa li tħalli timbru fuqi huwa meta niddealjaw mat-tfal li jkunu qed imutu. Inkredibbli, tara kemm għandhom kuraġġ, tara l-familji kemm jagħmlu kollox għal dawn it-tfal, kemm vera jifhmu li importanti li nnaqsulhom is-sofferenza, u kemm huma grateful, per eżempju lbieraħ mort funeral u minflok ma tajtha rigal jien lil din l-omm li tilfet lill-baby tagħha, hi ġiet u tagħtni rigal. Tagħtni rigal għax tant kienet grateful għax għamilt dik il-ftit biex nimxi magħha.”
Min jaħdem l-isptar ma’ dawn it-tfal, irċieva e-mail bid-dettalji ta’ din il-konferenza biex ikun jista’ jirreġistra.
L-appell tal-pedjatra huwa biex anki studenti tal-mediċina li qed jaspiraw li jaħdmu ma’ tfal b’mard serju, jirreġistraw u jattendu għal din il-konferenza, li se ssir mhux biss bis-sehem tal-professjonisti mediċi, imma wkoll ta’ ġenituri li tilfu lil uliedhom, u t-tfal infushom li qed jieħdu l-kura paljattiva.
Qalet, “Għandna d-dover li nagħtuhom il-palliative care allura importanti li nżidu l-għarfien tagħna, u għalhekk importanti li n-nies li jieħdu ħsieb dawn it-tfal, jiġu għall-konferenza.”