Urban Fabric huwa proġett ta’ arti, arkitettura u innovazzjoni magħmul minn tim ta’ erba’ artisti Maltin, bl-isem ta’ Open Square.
Dawn l-artisti huma kollha esperti fil-qasam rispettiv tagħhom.
Dan il-proġett huwa bbażat fuq riċerka u l-bżonn għal disinn sostenibbli, u permezz tiegħu, l-isbuħija ta’ raħal tradizzjonali Malti se tkun esposta barra minn xtutna.
Fil-fatt, Urban Fabric huwa l-proġett Malti li se jkun esebit fl-avveniment prestiġġjuż tal-London Deisgn Biennale, f’Londra.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall stqarr li din mhix l-ewwel darba li pajjiżna qed jipparteċipa f’avveniment ta’ dan il-kalibru.
Fil-fatt, wara l-Biennale f’Venezja, dik f’Londra kienet il-pass naturali.
Qal, “Nagħmlu ħilitna kollha biex ninternazzjonalizzaw l-artist Malti u xogħlu. L-importanti huwa li wieħed iqiegħed il-London Design Biennale fil-kuntest tal-policy aggressiva tal-Kunsill biex joħroġ barra minn xtutna.”
L-imħuħ wara dan il-proġett huma Luke Azzopardi, Trevor Borg, Matthew Joseph Casha u Alessia Deguara, li ħadmu bl-għajnuna ta’ Ramona Depares u Gilbert Micallef.
Qal, “Ngħaqqdu żewġ tipi ta’ ideat: l-idea tal-ippjanar tal-ibliet u l-idea tal-Feniċi Maltija bit-tradizzjoni, taż-żebgħa, il-ħwejjeg u affarijiet hekk.”
Min-naħa l-oħra, dan il-proġett hu magħmul ukoll bi ħsieb ekoloġiku.
Qal, “Magħmul minn struttura li fiha diversi materjali organiċi għax l-aspett ekoloġiku hu importanti ħafna għal dan il-proġett, illi ħa jokkupa l-bitħa interna ta’ Somerset House f’Londra.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici tkellem dwar is-sinifikat tal-fatt li pajjiżna qed jieħu sehem f’festival tant prestiġġjuż li jesponi lill-artisti għal bosta opportunitajiet.
Il-London Design Biennale se jittella’ bejn l-1 u t-22 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla f’Londra, u s-sehem ta’ Malta huwa kkummisjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti.