Il-Valletta Local Food Festival huwa ċelebrazzjoni ta’ ikel u xorb lokali li se tkun maqsuma fuq 3 ijiem, mill-20 sat-22 ta’ Ottubru mis-7.30 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Dan l-avveniment se jagħti l-opportunità lil dawk li se jattendu biex iduqu ikel imsajjar minn chefs professjonali filwaqt li jippruvaw prodotti lokali, fl-isfond ta’ divertiment mużikali minn artisti lokali.
Dan il-festival tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Valletta Design Cluster, proprju fejn se jiġi organizzat dan il-festival.
Fost l-ikel li se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku se jkun hemm majjal il-forn, roulade tat-tiġieġ bil-ħwawar, roulade tal-qargħa aħmar, kif ukoll bosta affarijiet oħra assoċjati ma’ Malta bħall-imqaret, torti, krustini, għasel, qagħaq tal-għasel, u ġbejniet. Se jkun hemm ukoll inbid u anke birra maħduma hawn Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li dan il-Festival huwa ċelebrazzjoni tal-ġmiel tal-prodott lokali u huwa mportanti li jiġi apprezzat.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, il-VCA, Jason Micallef, qal li dan il-Festival huwa parti oħra mill-kullana tal-legat tal-Valletta 2018.
“Fil-qalba tal-komunità, litteralment se nsajru hawnhekk, għax għandna żewġ kċejjen apposta. Se nsajru prodott Malti, riċetti antiki ħafna, sopop antiki ħafna, Maltin, u dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina f’dak li għandu x’jaqsam ma’ esperjenza unika tal-ikel. Allura l-istedina tiegħi hija biex il-pubbliku Malti jikkonkorri. Id-dħul huwa bla ħlas.”
Id-Direttur Artistiku ta’ dan il-Festival, Charles Bone, stqarr li permezz tal-parteċipazzjoni ta’ bosta chefs professjonali nħoloq menu varjat bi prodotti lokali.
“Partikolarment, ħloqna l-ħelu li semmejnih ‘il-Vallettani’, li huwa jikkonsisti f’pasta sfoglia u lewż u lumi, biex jikkumplimenta dan l-ewwel festival li qatt sar ta’ dix-xorta. Ħa jkollna erbatax-il esebitur, għall-ewwel darba, u se jkollna wkoll entertainment.”
Charles Bone qal ukoll li dawk li se jattendu se jingħataw sorpriża hekk kif jidħlu.
Il-Valletta Local Food Festival qed jiġi organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u hu appoġġjat ukoll mill-Awtorità għat-Turiżmu.