Id-Deputat Nazzjonalista tal-Establishment Karol Aquilina qal li jaqbel mal-mod ta’ kif id-Deputati kollegi tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, iddeskrivew il-ħidma tal-forzi ddixplinati f’pajjiżna fl-aħħar jiem.
Dan b’rabta mar-raids li saru fl-aħħar jiem b’ħidma konġunta bejn il-forzi tal-ordni f’pajjiżna u li wasslu biex mijiet ta’ persuni jiġu ritornati lura pajjiżhom filwaqt li oħrajn jaffaċċjaw il-ġustizzja.
Ġurnalist – “Ix-xogħol tal-Pulizija biex isaħħu l-ordni fil-lokalitajiet ġiet deskritta minn sħabek bħala teatrin, show, taparsi jagħmlu xi ħaġa, int taqbel magħhom?”
Karol Aquilina – “Iva.”
B’din id-dikjarazzjoni, Karol Aquilina kompla fejn ħallew Deputati oħrajn tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, l-ewwel reazzjoni kontra r-rejds li saru waslet minn Joe Giglio li tenna kif dawn kienu biss ‘teatrini.’
“Jagħmlu erbgħa raids biex taparsi qed jagħmlu xi ħaġa.”
Warajh segwa wkoll Beppe Fenech Adami li ddeskriva l-ħidma tant siewja li saret bħala ‘show’ u ‘xenografija.’
“Il-Gvern, fis-sapjenza tiegħu, prova jagħmel, jiena ngħid, fil-ġranet li għaddew, xow.”
“Parti mix-xenografija, parti mill-parade.”
“Għamiltu xow bihom, għamiltu xow bihom.”
Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista qed jitfa’ mal-ġenb il-ħidma tal-forzi tal-ordni f’pajjiżna.
Propju fl-2020 fetaħ kwerela fil-konfront tal-Forzi Armati ta’ Malta, partikolarment l-membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 u akkużahom bi qtil volontarju ta’ immigranti b’riżultat li seta’ tefagħhom għomorhom il-ħabs.