Għadu kif ġie fi tmiemu Kungress internazzjonali ta’ erbat ijiem li ġabar flimkien f’Malta esperti ewlenin minn madwar id-dinja fil-qasam tal-mediċina marbuta mal-vizzji. It-tema li ffoka fuqha l-Kungress kienet il-bini tar-reżiljenza fir-rigward tad-dipendenzi fir-realtà tal-pandemija.
Il-Kungress tlaqqa’ fl-Unversità l-Qadima, il-Belt, u ġie organizzat mill-International Society of Addiction Medicine (l-ISAM) b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (l-FSWS) u l-Università ta’ Malta.
Din kienet l-ewwel darba li dan il-Kungress ġie organizzat f’Malta. Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qal li dan hu ta’ prestiġju u ċertament poġġa lil Malta fuq quddiem nett fejn tidħol l-ispeċjalizzazzjoni f’dan il-qasam.
Xhieda ta’ dan kienu l-kummenti u l-kliem ta’ tifħir minn uħud mill-kelliema ewlenin u ta’ fama mondjali f’dan il-qasam li indirizzaw dan il-Kungress. Huwa ddeskriva l-avveniment bħala okkażjoni fejn il-professjonisti Maltin u barranin skambjaw mhux biss ideat imma wkoll l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.
Ornella Corazza, Professur fl-Università ta’ Hertfordshire fir-Renju Unit u waħda mill-kelliema ewlenin, irrimarkat li l-kungress ipprovda l-opportunità li l-parteċipanti jaqsmu l-ħsibijiet u r-riċerka li għamlu fuq dak li jissejjaħ darkweb market. Id-darkweb huwa internet inviżibbli li huwa aċċessibbli biss permezz ta’ softwer, konfigurazzjonijiet, jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, u qed jintuża biex iġib lin-nies dipendenti fuq is-sustanzi, il-logħob, u l-pornografija, fost l-oħrajn.
Il-Professur Corazza ddeskriviet id-dark net bħala waħda mill-akbar sfidi f’dan il-qasam, u sostniet li ma tistax tingħeleb sfida bħal din jew jitbassar x’se tkun l-isfida li jmiss mingħajr ma l-professjonisti jaħdmu flimkien u jaqsmu dak li jafu bejniehtom. Qalet li din kienet l-opportunità unika li offra l-Kungress ta’ Malta.
B’kollox, f’dan il-kungress ipparteċipaw 485 professjonist minn 55 pajjiż, inklużi 323 li ġew minn barra. Huma kellhom l-opportunità li jikkontribwixxu u jiddiskutu f’46 simpożju differenti. Apparti minn hekk, kien hemm 12-il laqgħa fil-marġini tal-kungress u 11-il sessjoni plenarja indirizzata mill-kelliema ewlenin.