Id-dinja virtwali tħalltet ma’ dik reali u wasslet fi traġedja għall-familja ta’ Fatiha Marzan, li għandha 21 sena. Din iż-żagħżugħa minn Florida tinsab akkużata bil-qtil ta’ oħtha ż-żgħira, Sayma Marzan ta’ 20 sena, liema qtil seħħ fis-sigħat bikrin tas-26 ta’ Settembru.
Fatiha allegatament ammettiet mal-investigaturi ta’ Orange County li wettqet il-qtil bl-użu ta’ xabla żgħira. Huwa allegat li kienet ilha ġimgħatejn tippjana dan l-att wara li bdiet tissuspetta li l-għarus virtwali tagħha kien qed jibgħat messaġġi lill-oħtha minflok lilha.
Dan is-suspett wassal biex skopriet konverżazzjoni fuq ‘chat’ fil-logħba futuristika popolari Valorant, bejn oħtha u l-għarus. F’din il-konverżazzjoni, dak li kien ilu l-għarus tagħha għal ħames snin, qal lil oħtha li kien iħobbha. Dan wassal biex Fatiha tilfet kull raġuni, u akkwistat sikkina minn fuq is-sit ta’ xiri Amazon, li żammet moħbija għal ġimgħatejn sħaħ.
Allegatament, hija aġixxiet ladarba l-familja tagħha kienet rieqda.
Mal-Pulizija, hija stqarret li kienet tkellmet ma’ oħtha dwar is-sitwazzjoni, iżda din qatt ma rrispettat is-sentimenti tagħha. Għalhekk iddeċidiet li tieħu miżuri drastiċi, u tat bejn tlieta u erbaʼ daqqiet ta’ sikkina lill-oħtha f’qalbha. Hija ċemplet lill-pulizija 15-il siegħa wara l-inċident, iżda Sayma ġiet iddikjarata mejta ftit wara.