Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg jinsab fuq żjara uffiċjali fl-Emirati Għarab Magħquda, fejn saħaq kemm huwa essenzjali li nkomplu nkattru r-relazzjonijiet bilaterali tagħna ma’ pajjiż daqstant b’saħħtu u b’numru ta’ riżorsi sabiex il-kollaborazzjoni tagħna tkompli tmur għall-aħjar u timmaterjalizza f’aktar opportunitajiet għall-poplu u għan-negozji.
Fil-bidu ta’ din iż-żjara, il-Ministru Malti ltaqa’ mal-Ministru tal-Istat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda, Reem Al Hashemy. Waqt din il-laqgħa ġew diskussi l-avvanzi li saru fl-aħħar snin fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u kif ninsabu kommessi li nkomplu ntejbu fuq dak li diġà jeżisti.
Aktar tard, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Federazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ tal-Emirati Għarab Magħquda. Mal-President tal-Federazzjoni, is-Sur Abdullah Mohammed Al Mazrui, tkellem fid-dettall dwar il-benefiċċji li joffri pajjiżna lil negozjanti barranin li jiġu jinvestu f’pajjiżna u kif pajjiżna bħalissa għandu waħda mill-aktar ekonomiji li qed tikber b’pass mgħaġġel.