Idea għall-kampanja edukattiva dwar l-użu responsabbli tal-enerġija ġiet imwaqqfa mill-Gvern Brittaniku.
Qed jiġi rraportat illi din il-kampanja, li tammonta għal 15-il miljun sterlina, kellha s-sapport tal-Ministru għall-Enerġija Brittaniku, iżda mhux tal-Prim Ministru Liz Truss.
L-aħbar ħarġet fl-isfond li bħalissa hemm twissijiet illi f’xi żoni fir-Renju Unit se jkun qed jintaqa’ d-dawl għal tliet sigħat.
Permezz ta’ din il-kampanja, b’għarfien dwar użu aħjar tal-elettriku u għalhekk titnaqqas il-ħela, familji Brittaniċi kienu se jifrankaw mat-300 sterlina fil-kontijiet tad-dawl tagħhom f’perjodu ta’ 12-il xahar.
Fil-fatt, familji fir-Renju Unit din is-sena se jkunu ħallsu medja ta’ 2,500 sterlina f’sena, jiġifieri żieda ta’ aktar minn 500 sterlina mis-sena l-oħra.
Iċ-ċittadini tar-Renju Unit huma fost ċittadini Ewropej oħra li qed jaraw żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija b’konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna.