Ġiet ikkonfermata l-istorja żvelata minn ONE News iktar kmieni din il-ġimgħa dwar ir-rabja li qamet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista wara li neputi tal-Kap Bernard Grech sab ruħu impjegat full time fl-Istamperija.
Filwaqt li s-sorsi tagħna spjegaw li l-impjegati tal-Istamperija m’għandhom xejn kontra n-neputi tal-Kap, qalu li hija ironika li dan daħħlu jaħdem full-time f’mument fejn qed jintalbu s-sagrifiċċji minn oħrajn.
Huma rrimarkaw li saħansitra telqu nies f’postijiet importanti li ma daħal ħadd minflokhom. Sadattant, fl-aħħar snin ma kinux wieħed u tnejn li ntalbu jerfgħu ċertu piż.
Filwaqt li għal dawn id-dipartimenti jew nies ma kienx hemm riżorsi, għan-neputi tal-Kap. Philip Grech, kien hemm post tax-xogħol ġdid.
L-impjieg tan-neputi ta’ Bernard Grech fl-Istamperija kkonfermah fuq il-Facebook Clayton Tanti Gregoraci, il-Head of Operations tal-Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li xxerja l-artiklu ta’ one.com.mt, huwa qal li qed iġib għajnejh wara widnejh.
Madankollu, ma damx ma kkonferma li n-neputi tal-Kap iddaħħal jaħdem fl-istess żmien meta l-Kap kien qed jgħid li flus m’hemmx u li hu meħtieġ is-sagrifiċċju.
“Din il-persuna kont jien li għażiltha wara li għaddiet minn proċess normali,” qal Tanti Gregoraci, li żied jgħid li ma kellu l-ebda ħjiel li kien jiġi mill-Kap.
Attivisti tal-PN qalu lil One News li Tanti Gregoraci lill-qraba tal-Kap jafhom sew, anke għax intervistaw lill-martu fil-kampanja għall-elezzjoni ġenerali.
Tant hemm rabja fid-Dar Ċentrali għal din il-manuvra li l-istess Tanti Gregoraci kellu jiddikjara pubblikament li lest jaħlef li ħadd ma kellmu fuq l-impjieg tiegħu.
Fid-Dar Ċentrali, iżda, ma emmnu ħadd, anke għax dan Philip Grech qrib ħafna ta’ iben il-Kap u, qabel daħal full-time. kien diġà part-time.
L-attivisti li kellmu il One News qalu li Bernard Grech jieħu ħsieb sew ta’ madwaru, u din hi xi ħaġa li ilha għaddejja minn qabel l-elezzjoni, inkluż bl-għażla tal-istaff u s-suppost strateġisti. Dawk li jaħdmu fit-taqsima tal-aħbarijiet tan-NET dejjem ifakkru kif, fil-mument tal-prova, dawn l-hekk imsejħa strateġisti lkoll kemm huma ħarbu ’l hemm.
Fil-frattemp, ħaddieħor jibqa’ jintalab jagħmel is-sagrifiċċji.