Awwissu li għadda kien l-aħjar xahar għat-turiżmu f’pajjiżna wara l-pandemija.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru li f’Awwissu ġew aktar minn tliet mija u ħdax-il elf turist.
Minn dawn, fix-xahar ta’ Awwissu, kien hemm kważi sitt elef turist li ġew permezz tal-vapuri tal-kruċieri.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li r-rata tat-turisti li żaru pajjiżna f’Awwissu hija kważi wieħed u disgħin (91) fil-mija tal-għadd tat-turisti li ġew fl-istess xahar tal-2019, qabel faqqgħet il-pandemija.
Meta wieħed iqabbel Awwissu li għadda max-xahar ta’ qabel, it-turisti żdiedu bi kważi tnejn u tletin elf.
Id-differenza tidher ċara, meta wieħed iqabbel Awwissu ta’ din is-sena ma’ Awwissu tas-sena ta’ qabel. Id-differenza fi żmien sena kienet ta’ kważi mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ.
Skond din l-istatistika, tnejn u erbgħin punt ħamsa (42.5) fil-mija ġew mill-Italja, minn Franza, u mill-Ġermanja.
Meta mqabbel ma’ xahar qabel, żdiedu anki l-għadd ta’ ljieli li qattgħu f’Malta t-turisti. F’Awwissu li għadda n-numru ta’ ljieli laħħaq kważi żewġ miljun u ħames mitt lejl, filwaqt li f’Lulju n-numru ta’ ljieli kien jammonta għal aktar minn żewġ miljun u mitejn elf lejl.
Id-differenza kienet ta’ kważi mitejn u erbgħa u għoxrin elf lejl.
In-nefqa tat-turisti f’pajjiżna matul ix-xahar ta’ Awwissu telgħet għal iżjed minn tliet mija u sittax-il miljun ewro. It-turisti nefqu medja ta’ madwar mija sitta u għoxrin ewro kull lejl.