Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, Dunja Mijatović fissret il-fatt li tressqu tliet abbozzi ta’ liġi li jitrattaw it-tisħiħ tal-protezzjoni u l-libertà tal-midja, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Mijatović kitbet lill-Prim Ministru Malti, b’Dr Robert Abela jagħtiha tweġiba u jispjega kif dawn l-abbozzi qed jiġu preżentati biex jgħaddu bħala liġi wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ kumitat tal-esperti tal-midja mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr Abela spjega li fil-proċess ta’ konsultazzjoni anki ttieħdu kunsiderazzjonijiet ta’ dak li qalet l-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Fisser kif il-laqgħat dwar kif tista’ tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti kienu kostruttivi biex jintlaħqu għanijiet komuni.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippreżenta l-abbozzi ta’ liġi.
Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, dawn it-tliet abbozzi qed iħarsu biex il-ġurnaliżmu Malti jkun qiegħed tassew jiġi rikonoxxut bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija Maltija u l-irwol tal-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-qasam tal-midja se jingħataw l-ogħla ċertezza u protezzjoni bl-inklużjoni fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
B’dawn it-tliet abbozzi, il-Gvern se jkun qed jwettaq 87% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Esperti, il-biċċa l-kbira tagħhom b’mod sħiħ.
“Permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet anti-SLAPP, Malta se tkun fost l-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li se tilleġiżla sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti minn ipparalizzar abbużiv,” kien sostna l-Ministru Attard hu u jħabbar il-preżentazzjoni tat-tliet abbozzi ta’ liġi.