Ir-riforma fir-raba’, li ħabbar il-Gvern it-Tlieta, hija waħda pożittiva u li se tbiddel dan is-settur.
Dan qalu l-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, ftit wara li tħabbret ir-riforma mill-Gvern f’dan is-settur.
Din ir-riforma tinkludi White Paper, li tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, u abbozz ta’ liġi li tressaq quddiem il-Parlament it-Tlieta.
“Hija riforma pożittiva, kważi rivoluzzjonarja. Il-kunċett u l-prinċipji li qegħdin jiġu proposti f’din il-White Paper se jaqilgħu s-settur mill-qiegħ u naħseb li l-bidwi, allura s-settur u allura l-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiż, se tkun ivvantaġġjata u se tmur ’il quddiem.”
Malcolm Borg qal li r-riforma f’din il-White Paper qed tagħti assigurazzjoni li art agrikola tintuża għal skop agrikolu.
“Il-kunċett li art agrikola jrid ikun hemm assigurazzjoni li se tibqa’ tintuża għal skopijiet agrikoli u, biex isir hekk, se jkun hemm klassifikazzjoni tal-bdiewa biex jiġi assigurat illi r-raba’ hija fi jdejn bdiewa li għandhom track record li kapaċi jaħdmu r-raba’.”
Huwa rrimarka li r-riforma se tinkludi wkoll inċentivi biex il-bidwi jkun jista’ jixtri r-raba’ li jaħdem fiha filwaqt li r-raba’ tal-Gvern, meta tkun se tinbiegħ, joħroġ tender u jinbiegħ lill-bdiewa.
Malcolm Borg qal li, permezz ta’ din ir-riforma, se jinfetħu wkoll il-bibien għal bdiewa ġodda.
“Permezz ta’ din ir-riforma u permezz tal-miżuri proposti f’din ir-riforma, persuna se jkollu l-possibilità li taċċessa l-art minħabba li se jkun hemm awtorità li se tkun, se jkollha l-poteri li tixtri l-art li tkun għall-bejgħ biex imbagħad toffriha lill-bdiewa, u jrid ikollok pjan ta’ x’jagħmlu b’dik l-art.”
Din il-White Paper se tibqa’ miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika għal dawn is-sitt ġimgħat li ġejjin.