313-il student full-time qed jistudjaw fiċ-Ċentru tal-Agrikoltura, l-Akwatika, u x-Xjenza tal-Annimali.
Dan intqal mill-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Calleja, meta l-Prim Ministru Robert Abela żar l-Istitut tax-Xjenza Applikata li l-Kulleġġ għandu f’Ħal Luqa.
Hemmhekk, il-Prim Ministru ltaqa’ u tkellem ma’ bosta studenti u kellu wkoll l-opportunità li jsegwi l-lezzjonijiet fil-klassijiet. Huwa sema’ mingħand l-edukaturi u l-istudenti dwar il-proċess prattiku tar-riċerka li josservaw fil-laboratorji l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom f’dan iċ-ċentru.
Il-Professur Calleja nnota li qed jiżdiedu fin-numru wlied il-bdiewa u s-sajjieda li jagħżlu l-korsijiet li joffri dan l-istitut. Huwa qal li dawn in-numri huma ta’ sodisfazzjon għax, permezz ta’ hekk, dan is-settur se jibqa’ ħaj.
Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar fil-ħidma li l-Gvern qed iwettaq f’dan il-qasam, permezz tal-emenda fil-liġi fuq il-qbiela privata li tressqet fil-Parlament.
Permezz ta’ din ir-riforma, il-Gvern qed jipproteġi l-art agrikola biexjiġu garantiti s-sostenibbiltà tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Flimkien mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima.