Ir-riforma fil-qasam tar-raba’ tinkludi abbozz ta’ liġi u White Paper li tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika għas-sitt ġimgħat li ġejjin.
L-abbozz ta’ liġi se jkun qed jemenda l-Kapitolu 199 tal-liġi Maltija u se jkun qed jindirizza nuqqasijiet fil-liġi b’mod li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sid u t-tgawdija tal-proprjetà, filwaqt li jiġi protett l-interess pubbliku.
Fl-emendi fil-liġi, il-Gvern qed jipproponi li s-sid għandu jippreżenta rikors li jindika b’kemm għandha togħla l-kera.
Qed ikun propost ukoll li l-bord għandu jistabilixxi l-kera ġusta wara li jqis il-valur tar-raba’ stmata bħala art agrikola għall-użu agrikolu.
Il-kera riveduta mill-Bord m’għandiex taqbeż il-1.5 fil-mija fis-sena tal-valur liberu fis-suq miftuħ, meta l-art tkun stmata bħala art agrikola, u l-kera għandha tapplika għall-perjodu ta’ tmien snin.
Din l-emenda fil-liġi tinkludi wkoll li, fejn ir-raba’ jinkludi wkoll razzett li huwa residenza, il-kerrej jingħata d-dritt li jżomm ir-razzett bil-kera li ma tkunx taqbeż aktar minn 2 fil-mija fis-sena tal-valur liberu tar-razzett fis-suq miftuħ. Il-kerrej għandu jingħata l-għażla mill-bord li ma jkomplix fil-kirja tar-razzett u jkompli biss fil-kirja tal-art agrikola.
Dan jinkludi wkoll li l-bdiewa li għandhom razzett bħala l-unika residenza tagħhom se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ benefiċċju fuq il-kera maħruġa mill-Awtorita tad-Djar.
Il-White Paper tinkludi wkoll proposta li titwaqqaf awtorità li tħares ir-raba’ privata u l-pussess tiegħu.
Il-White Paper qed tipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ żoni agrikoli bil-konfini ta’ artijiet ta’ valur skont il-Pjanijiet Lokali tal-2006 u li jingħata d-dritt tal-ewwel preferenza lill-bdiewa kerrejja li jixtru art mikrija lilhom.
Hemm ukoll inċentivi finanzjarji li jinkoraġġixxu l-attività u l-investiment fil-qasam tal-biedja.
Din il-White Paper tgħid li se jibda proċess biex jitħaddem il-kunċett ta’ prezz ġust u tingħata preferenza lill-bdiewa ġenwini f’sejħa għall-offerti mill-Awtorita tal-Artijiet ta’ art agrikola tal-Gvern.
Il-bdiewa li għandhom razzett bħala l-unika residenzja tagħhom se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ benefiċċju fuq il-kera maħruġa mill-Awtorita tad-Djar.