Il-Qorti ċaħdet appell minn David Xuereb, ta’ 49 sena, minn sentenza ta’ tmien snin ħabs li kien weħel wara li kien instab ħati li stupra mara fl-2017 u saħansitra ffilmjaha waqt li kien qed jagħmel dan.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, Xuereb kien ġie ordnat ukoll li jagħmel sessjonijiet ta’ kura psikoloġika għal 3 snin.
Fl-appell, ir-raġel baqa’ jisħaq li s-sess bejnu u bejn il-mara kien kunsenswali. Madanakollu, l-Imħallef Edwina Grima rrimarkat li, fil-filmati li ġibed ir-raġel innifsu waqt l-atti, il-mara nstemgħet tikbi u tokroblu biex jieqaf filwaqt li hu baqa’ għaddej u heddidha li jikxifha mas-sieħeb tagħha.
Il-mara kienet qalet lill-Pulizja li kienet bdiet relazzjoni ma’ Xuereb meta kienet għaddejja minn żmien ħażin mas-sieħeb tagħha. Madankollu, filwaqt li fil-bidu kien ikollha x’taqsam miegħu minn jeddha, eventwalment qaltlu li xtaqet li l-affarijiet bejniethom jieqfu. Konsegwentement, beda jirrikattaha u kien ikollha taċċetta li tagħmel is-sess miegħu mingħajr ma trid.
Il-Qorti kkonkludiet li Xuereb “eżerċita dominanza fuq il-vittma tiegħu għall-gratifikazzjoni tal-istinti personali bl-użu ta’ theddid u rikatt”.