Il-Korp tal-Ġudikatura f’pajjiżna ser jara ż-żieda ta’ żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda.
Ħabbar dan il-Ministeru għall-Ġustizzja fi stqarrija, li fiha spjega li l-għan ta’ din iż-żieda hi li tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-Qorti u tissaħħaħ il-Ġudikatura.
Din iż-żieda tikkumplimenta l-impenn elettorali li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, kif ukoll l-aħħar stħarriġ li sar mill-Eurobarometer tal-Unjoni Ewropea, li stabilixxa li l-fiduċja fil-ġustizzja f’Malta żdiedet bi15 fil-mija mill-istħarriġ preċedenti.
Dwar dan ONE News ħa r-reazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.
Huwa qal, “Il-pass li jmiss huwa li fiż-żmien ġej se nkunu qed noħorġu s-sejħa biex inżidu l-membri tal-Ġudikatura b’żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati bħala l-ewwel pass biex nassiguraw li mhux biss naraw li l-ġustizzja ssir u li tidher li qed issir imma wkoll importanti li l-ġustizzja ssir raġonevoli u naħseb din hija parti minn proċess ta’ deċiżjonijiet li qed jittieħdu biex nassiguraw li s-servizz li fl-aħħar mill-aħħar jieħu ċ-ċittadin fil-qrati tagħna jitjieb.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja spjega wkoll kif fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiskatta proċess għall-ftuħ ta’ nomini u wara l-għażla tal-erba’ membri tal-ġudikatura ġodda.
Dan anke permezz ta’ mekkaniżmu indipendenti li implimenta Gvern Laburista bħala waħda minn diversi riformi b’saħħithom fil-qasam tal-ġustizzja.
Il-Ministru temm jgħid, “Ejja ma ninsewx li Gvern Laburista għamel riformi kbar f’dan is-settur, mod ta’ kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura u għaldaqstant dan il-pass se jkun qed jirrifletti dawn l-emendi fil-liġijiet tagħna b’tali mod li toħroġ is-sejħa u u mbagħad ikun hemm proċess kompletament distakkat mill-politiku li jaħtar lill-membri tal-Ġudikatura l-ġodda biex iservi l-membri tal-Ġudikatura l-ġodda biex iservu fuq il-bankijiet tal-Ġudikatura u nassiguraw li jintlaħaq l-għan li nkomplu naraw is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna li tkompli tissaħħaħ.”