It-tlieta ta’ Ottubru mmarka uffiċjalment il-bidu ta’ sena ta’ ħidma oħra tal-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta.
Bħal kull sena, din il-ġurnata, magħrufa aħjar bħala l-bidu tas-sena forensi, ġiet iċċelebrata permezz ta’ diversi diskorsi, fosthom dak tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, tal-Viċi President tal-Kamra tal-Avukati wkoll mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Fl-Awla 22, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta George Vella, membri tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-Qrati, u avukati, fost oħrajn, segwew id-diskors tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Imħallef innota l-ħidma tal-Gvern Malti f’diversi aspetti sabiex tiġi indirizzata l-isfida tad-dewmien fil-qrati Maltin.
Huwa ssuġġerixxa wkoll miżuri li jistgħu jittieħdu fl-immedjat u anke dawk iktar kumplikati sabiex tingħeleb din l-isfida.
Fost oħrajn, il-Prim Imħallef qal li s-sistema ta’ kif isiru n-notifiki tal-atti lokali għandha tiġi aġġornata għal waħda elettronika, b’min jippreżenta att jindika indirizz elettroniku. Dan filwaqt li ssir pubblikazzjoni f’żewġ gazzetti lokali, waħda bil-Malti u oħra bl-Ingliż.
Il-Prim Imħallef semma wkoll il-bżonn ta’ ‘court attorney’ ma’ kull Maġistrat biex jassisti fix-xogħol bħal dak tal-abbozzar tas-sentenzi; miżura li l-Ministeru għall-Ġustizzja qed jevalwa bis-sħiħ u li qed isiru laqgħat dwarha f’kumitat magħżul apposta għal dan il-għan.
Mil-lat amministrattiv, il-Prim Imħallef irrimarka wkoll dwar il-bżonn ta’ investiment f’binjiet ta’ daqs medju fil-Belt Valletta jew fil-madwar biex ċerti kompetenzi ta’ Qrati jitilqu mill-binja prinċipali. Huwa qal li qrati bħal dawk Kummerċjali u Kriminali jistgħu jibbenefikaw minn dan.
Il-Prim Imħallef ta suġġeriment ukoll b’rabta mal-Kors tal-Liġi. Huwa qal li għandha ssir konsultazzjoni kostruttiva u miftuħa dwar jekk wasalx iż-żmien li jinfetaħ il-kors tal-liġi mhux biss għall-għarfien tal-liġi per se, iżda bi ħsieb favur studenti li juru x-xewqa u r-rieda jispeċjalizzaw f’korsijiet f’aspetti forensiċi jew imħejjija għall-formazzjoni ta’ ġudikanti, prosekuturi, u avukati li jaħdmu prinċipalment fil-Qrati.
Il-Prim Imħallef temm jgħid li jemmen li llum m’għandux ikun hemm distinzjoni fil-ġudikatura bejn Imħallfin u Maġistrati. Sostna li l-Korp tal-Ġudikatura hu wieħed bla ebda distinzjoni u dan jista’ jgħin lill-Prim Imħallef biex ikun jista’ jqassam aħjar ix-xogħol kollu fil-Qrati u mhux jiġi rinfaċċjat b’ħajt artifiċjali dwar il-kompetenza bejn Qrati ta’ Ġuriżdizzjoni Inferjuri u Qrati ta’ Ġuriżdizzjoni Superjuri.
Fil-ftuħ tas-sena Forensi tkellem ukoll il-Viċi President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Stephen Tonna Lowell.
Intant fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ġiet iċċelebrata quddiesa mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Fil-prietka tiegħu l-Arċisqof semma l-importanza li tingħaraf il-missjoni ta’ kull min jaħdem f’dan il-qasam li jżomm lil dawk li qed jidhru quddiem il-Qorti, b’tali mod li titħarsilhom id-dinjità u ssir ġustizzja fil-konfront tagħhom.
Huwa qal, “Jiena nixtieq nirrikonoxxi l-isforzi kollha li qed isiru biex dan iseħħ ħalli nkunu anke ġusti fil-kummenti tagħna, imma iżjed ma nersqu lejn dak il-mument li min jersaq quddiem il-Qorti ma jħossux frustrat u vulnerabbli imma jħossu ċittadin li qed jeżerċità d-dritt tiegħu jew inkella qed jiġi msejjaħ għal dik il-kontabbiltà li tirrispetta s-saltna tad-Dritt.”