Waqt li kien qed jindirizza lil membri tal-Korp Diplomatiku, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona saħaq li Malta qegħdha fit-tmun tal-Presidenza Ewropea fi żmien kruċjali meta bħalissa għaddejja l-kwistjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewrpoea kif ukoll mewġa ta’ elezzjonijiet madwar l-Ewropa li se jkunu determinati biex wieħed jara r-riħ fejn ikun qed jonfoħ.
Għaldaqstant, hemm bżonn li bħala pajjiż inkomplu nuru impenn lejn il-valuri tar-rispett, is-solidarjetà u d-dinjità issa aktar minn qatt qabel, saħaq id-Deputat Mexxej Laburista.
Il-Ministru Cardona għamel referenza għar-reġjun tal-Mediterran, reġjun li fih hemm problemi bħall-Immigrazzjoni u t-terroriżmu, u saħaq li Malta se tkompli taqdi l-irwol storiku ta’ interlokatur fil-Mediterran bħal m’għamlet ftit taż-żmien ilu permezz tal-Valletta Summit, il-laqgħa tal-Commonwealth u issa fi Frar li ġej is-Summit tal-Mexxejja Ewropej. Dan ir-rwol li nibnu d-djaglogu għandu jsir fiż-żminijiet fejn teżisti krizi f’pajjiżi ġirien bħall-Libja u s-Sirja fejn pajjiżna għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex iressaq il-partjiet ma’ xulxin.
Dr Cardona għamel referenza għad-diskors li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-ftuħ ufffiċjali tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fejn qal li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tħares lejn dak li qed jgħidu n-nies, għax permezz ta’ hekk biss jista’ jkun hemm policies li verament jagħmlu d-differenza, stqarr Chris Cardona.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fakkar fit-tema tal-Presidenza Maltija; rEUnion, fejn din it-tema tirrappreżenta l-għan li nkomplu nġibu lin-nies eqreb lejn xulxin, eqreb lejn l-Unjoni Ewropea sabiex din tkun verament qed tirrappreżenta l-ambizzjonijiet tagħhom.
B’referenza għax-xogħol li qed isir f’pajjiżna, il-Ministru Cardona fakkar fl-impenn ċar ta’ Malta li l-ekonomija tasal għand kulħadd, permezz ta’ aktar investimenti li se joħoqlu aktar xogħol.
Dr Cardona fakkar kif m’għandiex ninsew il-lezzjonijiet tas-sena 2016, b’referenza għall-elezzjonijiet fl-Istati Uniti u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li l-politiċi u l-mezzi tax-xandir ma jistgħux jinsew verament dak li qed iħossu n-nies. Fl-aħħarnett id-Deputat Mexxej Laburista awgura lill-membri tal-Korp Diplomatiku sena mill-aqwa.