Filwaqt li, bħalma hu l-każ f’pajjiżi oħrajn, l-inflazzjoni hija l-ikbar impatt li l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa qed iħalli fuq pajjiżna, 44.7% tal-Maltin u l-Għawdxin iħossu li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija aħjar minn dik li hemm barra minn Malta.
Dan jirriżulta minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta Malta Today dwar kif l-invażjoni Russa tal-Ukrajna qed tolqot ħajjet in-nies. Mill-istess stħarriġ, ħareġ li 30.1% li qalu li l-qagħda f’Malta hija l-istess bħal f’pajjiżi oħra, filwaqt li 24.6% qalu li s-sitwazzjoni hija agħar.
Minkejja li, anki f’Malta, għolew il-prezzijiet ta’ xi prodotti tal-ikel u tas-servizzi, il-konsumatur Malti qed jiġi mħares permezz ta’ miżuri tal-Gvern miż-żidiet astronomiċi fil-prezzijiet tal-enerġija li qed jifilġu lill-familji f’pajjiżi oħrajn.
Din is-sena, il-Gvern se jkun ħareġ mal-€470 miljun biex iżomm il-prezzijiet tad-dawl, taċ-ċilindri tal-gass, tal-fjuwils, u tal-qmugħ stabbli, u qed jippjana li s-sena d-dieħla joħroġ mas-€600 miljun f’sussidji simili.