Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol qal li l-MFA ma ħaditx il-każ tal-allegat fastidju sesswali mill-head coach tagħha, Devis Mangia, għand il-Pulizija u li, sa fejn jaf hu, l-ebda plejer ma għamel rapport lill-Pulizija.
Waqt il-programm Paperscanfuq ONE dalgħodu, bjorn vassallo qal ukoll li l-MFA għamlet id-diliġenza dovutra kollha meħtieġa qabel l-ingaġġ ta’ Mangia sabiex jiġi assigurat li l-ingaġġ tiegħu ma jkun ta’ riskju għal ħadd.
Huwa qal li l-Assoċjazzjoni ġabret kull informazzjoni li setgħet issib fuq Mangia, u nnutat il-kondotta nadifa tiegħu.
B’rabta mal-allegazzjonijiet ta’ fastidji sesswali li kienu saru fil-konfront ta’ Mangia f’pajjiżi oħrajn, Vassallo qal li nstab artiklu online miktub fl-elfejn u sittax, li kien jgħid li kien telaq minn mal-klabb fejn kien impjegat f’dak iż-żmien b’mod misterjuż.
Minkejja dan, l-istess klabb kien irribatta l-artiklu u stqarr li Mangia kien telaq minħabba raġunijiet mediċi.
Apparti minn hekk, Vassallo qal li qabel l-ingaġġ sar djalogu mal-awtoritajiet tal-futbol tal-Italja u tar-Rumanija fejn kien jaħdem Mangia, u wara li rriżulta li ma kien hemm ebda allegazzjonijiet simili, huwa ngħata l-irwol tiegħu fi ħdan it-tim nazzjonali Malti.
Meta ġie mistoqsi dwar il-passi li jmiss f’dan il-każ, Vassallo spjega l-proċess li għaddejja bih l-MFA.
Qal, “Tajna terminu ta’ tliet ġimgħat sabiex ikun tlesta r-rapport bl-evidenza min-naħa tas-safeguarding officer u, wara, bord indipendenti magħmul minn nies professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam se jkun qiegħed jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.”