Matul Settembru, xahar qabel ma daħlet fis-seħħ il-miżura kruċjali ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, kien hemm kważi sebat elef persuna li applikaw għal Tallinja card.
Dan żvelah il-Ministru responsabbli mit-Trasport, Aaron Farrugia, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet lis-sit Malta Today.
Mill-ewwel ta’ Ottubru, dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom il-kard Tallinja jistgħu jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku mingħajr ma jħallsu xejn.
Il-Ministru Farrugia qal li, sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm madwar erba mija u sebat elef u seba’ mitt persuna li kellhom Tallinja Card.
Dan filwaqt li sat-28 ta’ Settembru n-numru żdied għal aktar minn erba’ mija u erbatax-il elf u erba’ mitt persuna li kellhom Tallinja Card.
Malta se tkun it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qed toffri trasport pubbliku bla ħlas, liema miżura tfisser li persuna li tuża tal-linja kuljum se tkun qed tiffranka mill-inqas tliet mija u disgħin ewro fis-sena.
Il-fatt li żdiedu n-nies li għandhom Tallinja card qed jitqies bħala wieħed pożittiv, u kollox jindika li aktar nies qed iħarsu lejn it-trasport pubbliku bħala alternattiva vijabbli.
Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, il-passiġġier kull m’għandu jagħmel hu li jmiss il-kard Tallinja mal-magna li jkun hemm ħdejn ix-xufier.
L-enfasi sabiex wieħed juża l-kard meta jitla’ fuq tal-linja qed issir sabiex Transport Malta jkollha aċċess għall-informazzjoni ta’ kemm hemm nies f’pajjiżna li qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, għax huwa permezz ta’ din l-informazzjoni li dan is-servizz ikun jista’ jitjieb.
Dawk li m’għandhom Tallinja Card iridu jħallsu bħal qabel, u għalhekk l-appell jibqa’ sabiex wieħed japplika b’mod dirett minn fuq is-sit elettroniku tal-Malta Public Transport.
Il-Ministru għat-Trasport żied jgħid li huwa mistenni li, wara Ottubru, se jkun hemm żieda fl-għadd ta’ nies li jużaw tal-linja u dan se jwassal biex jiżdiedu l-vjaġġi. Dan il-fatt se jwassal ukoll biex in-numru ta’ passiġġieri jisboq dak tal-elfejn u dsatax.
Il-miżura tat-trasport b’xejn għal kulħadd kienet tħabbret f’Ottubru tal-2021, meta kien qed jinqara l-Baġit għal din is-sena. Minkejja l-isfidi internazzjonali, il-Gvern xorta waħda baqa’ impenjat li jimplimenta din il-miżura soċjali li se tħalli mijiet ta’ ewro fil-bwiet tan-nies.