Omer Abdella Salih ta’ 25 sena mill-Eritrea u li m’għandux post fejn jogħqod, inżamm arrestat wara li fil-Qorti ammetta għal akkużi ta’ traffikar tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Brian Xuereb, spjega li s-Sibt kmieni filgħodu, l-imputat kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina f’San Ġiljan.
Fil-Qorti ġie spjegat ukoll li l-imputat kien qed iġorr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja. Dan apparti li l-akkużat ġie akkużat ukoll b’ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kellu ammont żgħir u kienet għall-użu personali, u ntqal li mal-Pulizija huwa qal li jixtieq jerġa’ jmur lejn pajjiżu.
Id-Difiża qalet li dan huwa l-ewwel każ tal-akkużat.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella qalet li t-talba se tingħata matul il-jum tat-Tnejn.