Waqt li l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ biex illum issir protesta kontra dak li qed isejjaħlu “serq tal-kwalità tal-ħajja”, il-fatti u l-figuri juru li r-realtà hi bil-maqlub: li l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin żdiedet sostanzjalment minn mindu nbidlet l-amministrazzjoni ta’ pajjiżna fl-2013 ’l hawn.
F’rapport fl-ewwel faċċata tal-ħarġa tal-lum, il-gazzetta KULLĦADD tirrapporta kif fil-verità, l-istatistika uffiċjali turi bl-iswed fuq l-abjad li kien proprju fi żmien l-aħħar gvern Nazzjonalista li kienet qiegħda tinsteraq il-kwalità tal-ħajja.
Ċifri kemm tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, kif ukoll tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jikkonfermaw bl-aktar mod ċar it-titjib fil-kwalità tal-ħajja li kien hawn fl-aħħar disa’ snin, b’riżultat tad-deċiżjonijiet importanti meħudin mill-gvernijiet Laburisti.
Dawn id-deċiżjonijiet jinkludu r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, iż-żidiet sostanzjali fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema, u l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinċentivaw ix-xogħol u jnaqqsu d-dipendenza soċjali. Dan kien possibbli wkoll b’riżultat ta’ tkabbir ekonomiku u żieda fl-impjiegi bla preċedent, li wasslet għall-inqas numru rekord ta’ nies bla xogħol li qatt kellu pajjiżna.
Iċ-ċifri uffiċjali juru li fl-aħħar disa’ snin u nofs ma baqgħux f’ċaħda materjali severa tnejn minn kull tliet persuni li kienu hekk fi żmien il-gvern Nazzjonalista. Dan it-tnaqqis seħħ minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni fil-gżejjer tagħna u kien rifless f’kull kategorija. Barra minn hekk, kien hemm żidiet mill-aktar notevoli fin-numri tal-persuni li mhumiex f’ċaħda materjali severa jew mhumiex f’ċaħda materjali, bl-akbar żieda tkun fost l-anzjani.
Iċ-ċifri uffiċjali juru wkoll li d-dħul gross medju tal-familji sal-2020 kien żdied b’5.4 fil-mija għal €40,263, waqt li r-rata ta’ nies fir-riskju tal-faqar baqgħet stabbli fir-rata ta’ 16.9 fil-mija, minkejja d-diffikultajiet bla preċedent li kellu jaffaċċja pajjiżna.
Barra minn dan, studju dwar l-iskema tat-tapering tal-benefiċċji, li ddaħħlet fl-2014, juri li din wasslet biex 9,256 persuna jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, minflok baqgħu dipendenti fuq l-assistenza soċjali.
L-avvanz kbir li sar fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin fl-aħħar disa’ snin jixhduh ukoll iż-żidiet sostanzjali li kien hemm fil-Prodott Gross Domestiku ras għal ras, fid-Dħul Medju Disponibbli tal-familji, fid-Dħul Nazzjonali Ekwivalizzat, fl-investiment fuq il-pensjonijiet, u fuq benefiċċji soċjali oħra.
Indikaturi oħrajn importanti juru li n-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ żdiedu b’84,520 għall-ogħla livell li qatt kellu pajjiżna, waqt li l-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’6,234 għall-inqas livell qatt irreġistrat. Ma’ dan naqas ukoll għal livell rekord l-għadd ta’ dawk fuq assistenzi soċjali – tnaqqis ta’ 8,954 persuna – u żieda kbira fil-familji sidien ta’ djarhom – żieda ta’ 43,082.
Il-gvern Laburista baqa’ jipproteġi u jsostni dawn is-suċċessi kollha mhux biss matul is-sentejn u nofs tal-pandemija, iżda anke issa fl-akbar kriżi internazzjonali tal-enerġija u l-ikel minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna. Dan għadu jagħmlu permezz ta’ għajnuniet diretti lill-industriji u lill-famiji u sussidji ta’ biljuni ta’ ewro li pproteġew l-impjiegi, sostnew l-ekonomija, u żammew stabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwill, u tal-qmuħ u ċ-ċereali, fost oħrajn.
Il-gazzetta KULLĦADD tirrimarka li, fid-dawl tal-fatti, il-protesta li qed isejjaħ il-Partit Nazzjonalista għal-lum tistona bil-kbir mal-qagħda tan-nies u tkompli tixhed li l-partit hu maqtugħ għal kollox mir-realtà.