Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo qal li hija żvintura li l-poplu ma fehmx kif għandu jivvota fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Huwa qal dan fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja meta kien mistoqsi għaliex il-Partit Nazzjonalista ma rnexxielux jikseb il-fiduċja tal-elettorat fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Kien hawn li Bartolo weħħel fl-investiment tal-Gvern fin-nies ta’ sebgħin miljun ewro li kien jinkludi ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa ferm iktar b’saħħtu għall-ħaddiema u ċekk addizzjonali għal kulħadd biex jistimula l-ekonomija fi żmien ta’ rkupru.
“Allura n-nies jinxtraw b’ċekk ta’ €100, dak il-livell ta’ votant li għandna aħna.”
“L-iżvintura ġiet li n-nies għadhom mhux qed jifhmu.”
Din id-dikjarazzjoni ta’ Bartolo tmur id f’id ma’ dik tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li kien sostna li l-Gvern xtara l-voti.
“Nefaqhom biex ikun jista’ jixtri l-voti tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Intant tul l-intervista Ivan J. Bartolo prova jiġġustifika għaliex il-poplu għażel ħażin fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Huwa għamel hekk bill fost oħrajn semma proposta tal-Partit Nazzjonalista li joħloq 10 setturi ekonomiċi ġodda. Proposta li fil-kampanja elettorali, bosta ddeskrivewha bħala waħda fl-arja.
Fil-fatt, il-costings tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar kampanja elettorali kienu sors ta’ konfużjoni kbira hekk kif dawn saħansittra ġew ippublikati fl-aħħar jumejnt tal-kampanja elettorali fejn kienu diġà tefgħu l-vot tagħhom eluf ta’ persuni.
Madankollu l-attakk fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi li għażel lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, minn Bartolo ma waqafx.
Għandek nies li ma tinteressahomx il-qasba, imma kull ma tinteressahom il-ħuta.