Il-Partit Laburista ħabbar sejħa ġdida għall-programm LEAD, programm immirat biex ikompli jżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u li joffri wkoll esperjenza unika għal dawk li huma mħajjrin jagħmlu l-ewwel pass fil-karriera politika.
F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista ġie spjegat kif il-programm LEAD, fl-ewwel sitt sejħiet ġibdet għexieren ta’ persuni bi sfond, ħiliet u ħsibijiet differenti.
Ċertifikat tas-suċċess ta’ dan il-programm kienu l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tal-2019 li wrew kif tmenin fil-mija tal-parteċipanti ta’ LEAD li kkontestaw għal dawn l-elezzjonijiet ġew eletti.
Il-Ministru Miriam Dalli li hi l-koordinatur tal-programm LEAD u l-moħħ wara dan il-programm spjegat kif tinsab konvinta li hemm nisa hemm barra spirati mis-suċċess ta’ dawk in-nisa li kienu diġa’ parti minn dan il-programm.
“Qatt ma’ immaġinajt li minn sena għal oħra se jirnexxielna nsibu grupp b’saħħtu wieħed wara l’ieħor b’aktar nisa u tfajliet li huma interessati jidħlu għal din l-esperjenza u jidħlu għal din l-esperjenza, għaliex mn huma interessati wkoll li jkollhom rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet, huma interessati wkoll fejn tidħol il-politika.”
Il-programm LEAD jattira lejh nisa minn kull faxxa tas-soċjetà fosthom dawk li qegħdin jistudjaw u kif ukoll nisa li għandhom karriera. Fil-fatt. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm it-tabiba Dr. Nadette Spiteri. Hi spjegat kif minkejja li ħajjitha hi mpenjattiva ħafna, xorta ssib ħin sabiex issegwi l-programm LEAD.
“Għax jiena nammen fil-ħajja, li ‘when there is a will there is a way’ u iva jien għandi ħafna commitment però ppruvajt naddatta ruħi għall-esiġenzi tal-programm LEAD u bi pjaċir ngħid li attendejt kull session tal-programm. Jien nemmen ħafna fil-kapaċitajiet tal-mara.”
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef spjega kif is-sabiħ ta’ dan il-programm huwa li tara lil kulħadd jiġi flimkien. Sostna kif ħafna nisa qed jirrealizzaw li l-Partit Laburista qed jiftaħ il-bibien għal kulħadd. Partit li qed jiġġedded u jirriforma ruħu anki bi programmi bħal LEAD li l-għan tiegħu huwa li jara aktar nisa li jkunu parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Minn naħa tagħha Kristy Bartolo, parteċipanta oħra tal-programm LEAD, sostniet l-opportunitajiet li joffri dan il-progamm kemm mill-aspett edukattiv politiku, iżda anke dak professjonali. Hija rrimarkat ukoll l-aspett ta’ mentoring li jipprovdi dan il-programm sabiex tingħata stampa iktar ċara tal-ħajja politika f’pajjiżna.
L-applikazzjonijiet ta’ LEAD jitniżżlu minn fuq www.partitlaburista.org/lead u għandhom miftuħa sat-22 ta’ Ottubru 2022.